POETENLADEN - neue Literatur im Netz - Home
 
 
 
 
 
 
 
Norbert Bugeja
Tango għat-Turġien tal-Belt Valletta

 

V.
Għal Dak Li Baqa’ – Eleġija


Għallinqas baqgħu,
fil-pjazez imneżżgħa ta’ qlubna,
erba’ turġien.


U telgħet b’qabża
fuq l-aħħar pedestall:
fil-fond iswed ta’ taħtha
karozzi ringieli,
bħal pellegrini bojod għarkobbtejhom.

Minn hawn fuq mhux lakemm
temmen,
it-tifla f’jum imdennes ta’ Jannar,
l-istejjer togħma ta’ begonja
u r-Radiant-B ta’ wara nofsinhar: dil-belt
ippruvat tiekol lilha nfisha.

Stħajjel daqsxejn, binti, qaltilha,
stħajjel daqsxejn,

u hi thewden
u thewden fuqu biss:
mitluq bħal statwa mkissra taħt l-arkati –

kif ħarbatni, għajjieni
ħalibni dat-tifel inewwaħ bħal xita stunata,
dal-ġisem forma ta’ maltempata
xorbuni l-vini ta’ driegħu tilgħin u niżlin
katusi jdawru ilma ħażin
battluni.

Imma stħajjel daqsxejn, pupa,
hawnhekk fejn tkellmet il-belt,
hawnhekk fejn fetħet
il-bir bla qiegħ ta’ fommha: stħajjel it-taraġ,
dax-xedaq kbir
li nfetaħ tul il-ħofra sewda, jigdem l-abbiss,
idawwar l-opra f’ħalqu
arkivju spjetat, jomgħod il-memorja,
jtiegħem l-iskajjel,
jobżoq
l-arkanġli ta’ l-injam u l-balavostri,
jheżżeż snienu
lejn ix-xjuħ isegwu mwerwin
in-nostalġiji jbeżilqu ma’ geddumu:

Chi del gitano i giorni s’abbella?

U beltna titkagħweġ u dduq,
ittella’ u tniżżel hi
x’għandha tiftakar.

Diż-żingarella,
widnejha jtambru l-istess żewġ battuti
li kien idawwarhom qisu Damien Rice,
ġisimha bħal korda żżarżar
f’kitarra rħisa msewwija bit-tejp –

you wanna get boned
you wanna get stoned
you wanna get fucked inside out

Mhux sewwa, binti
meta jiskot il-fomm
li gidba jaf jgħanniha bi sbuħija...

niftakar lil Calî fuq l-aħħar tarġa’
jżomm imsarnu
u jħożż id-dalma qisha kienet ruħu

niftakar it-tisfir
u r-rimettar itir
bħat-trab tad-deheb mixħut fuq is-soprano

niftakar in-nejbiet
iħaffru l-ħsibijiet
u jqattgħu bliet li nħasbu bla ma nstemgħu

il-bqija nsejtu kollu
xiħa li jien
xiħa bla snien,
mur waħdek u ttawwal –
baqa’ t-turġien.


Mhux lakemm temmen dit-tifla,
milwija tgerrex it-tjur
bix-xewka ta’ daharha ddur
ma’ l-aħħar żewġ spirali fil-lavur
mhux lakemm temmen,
il-porpra ħamra tlebleb,
tinki l-fdaljiet – Miss Sixty,
mehdija tinseġ
messaġġ, jew tonqox kelma
li l-allat biss ibassru fejn se taqa’

u forsi dat-turġien,
maħduma ġo xulxin bħal mikroċippa,
memorji ta’ toroq li għadhom ma nbnewx,
ta’ bliet li baqgħu ma tlestewx,
ċittadini bla stat jew opra bla teatru,
memorji lesti
biex jaqsmu l-qalb ta’ dil-belt.

Dil-belt
li xerqet f’tifkirietha.

Dil-belt
b’subgħajha f’ħalqha għal-lest
biex taqla’ kollox.
 

Norbert Bugeja    26.03.2008      Druckansicht  Zur Druckansicht - Schwarzweiß-Ansicht     Seite empfehlen  empfehlen

Norbert Bugeja
Lyrik