POETENLADEN - neue Literatur im Netz - Home
 
 
 
 
 
 
 
Norbert Bugeja
Tango għat-Turġien tal-Belt Valletta

 

II.
Tango għat-Turġien tad-Dijuballi


Għidtli: Sabiħ,
Jekk beħsiebna ninżlu hemm isfel
se jkollna nitilgħu
lura bil-mod.


U l-hush puppies jistenbħu mir-raqda,
iħaxwxu,
iħossu triqithom bil-galbu,
ifissdu l-indana,
imissu dal-wiċċ li tant jafu sew:
pallidu, iħarħar, qadim.

Dat-turġien.

Il-memorja tibda tinfeta.
beraħ
bħal argunett,
mill-għatba t’isfel
sat-tarġa ta’ fuqnett.
Il-memorja tistenbaħ bħal tifla ggranfata
mal-pjiegi mkemmxa ta’ dublett
tinja tinja,
fin-numru tnax fejn tlift ismek
fejn ilsien war’ieħor
ħaffru isimhom ġo ġismek –
kurva, am’muna, puta, qaħba.
Il-bili għadhom stirati ma’ l-art,
fjuri bbalzmati
abbozz
affresk ta’ tfulitek iħuf taħt saqajk,
ifakkrek fiha:
tingħi bla saħħa fl-ewwel pjan
kull tarġa maqbuda
bejn l-erba’ ħitan
kull tarġa li tgħix magħha nfisha
kull tarġa li werżqet f’kull xifer:
jekk ma ħabbnix Alla, jfissidni x-xitan.

Kull tarġa dagħwa, misruqa
mill-filati ta’ ġranet bla ħin.

Kull waħda, bejniethom,
skoss skoss,
biċċa biċċa,
xi darba tgħabbew bil-piż tal-mument:
l-adaġjo tad-daqqiet ġol-ġewża t’għonqok
bl-amment,
l-istakkati taċ-ċinturin
niżlin
bħall-ħara tal-ħamiem fid-Dijuballi.

Għaliex ma nafx, għidtli
hekk kif Chavela tgerrbet minn widnejja
u waqgħet, mingħajr charge
f’ħoġor it-tieqa.

Paloma negra, paloma negra
donde donde andaras?


Forsi t-tpinġija tal-baħri,
l-imsallab jibki fuq il-qiegħ ta’ siequ
iħanxar l-argunett, hu kien,
tarġa b’tarġa,
naħseb seħetna
s’isfelnett.


MIND THE STARES.
Il-bokka tal-garigor tiċċassa lejna,
kelba xiħa
li tilfet in-ngħas.
Beltna mimlija bihom, għidtli,
dejjem jgħawru l’isfel,
dejjem
ifittxu l-ftuħ.
Taħt din il-belt, sabiħ,
hawn waħd’oħra.


U l-vini ta’ riġlejk
bħall-konsenturi f’qalb tal-ġebel
intwew ma’ l-ispirall li tgħallimt tħobb,
dat-trabuxù qadim jissara
mal-koxox marsusa
tal-belt.

Bejn tħarħira u oħra ta’ nifisha maqtugħ
inħażżeż il-profil tal-belt ta’ taħti:
mijiet ta’ garigori mdendla ’l isfel
żigarelli jperpru
mas-saqaf ta’ festin li issa ntemm.


Burn this house, burn it blue,
so cold in the morning,
so cold without you ...


Demgħatha tkaken,
jaħbtu ma’ l-art iebsa
u jxellfu ħolma mit-turġien ta’ qalbi.
 

Norbert Bugeja    26.03.2008      Druckansicht  Zur Druckansicht - Schwarzweiß-Ansicht     Seite empfehlen  empfehlen

Norbert Bugeja
Lyrik